L-Istorja
Iż-Żejtun, li jinsab fuq ix-xaqliba tax-Xlokk ta' Malta, joħnoq il-quċċata tal-għolja li tagħti fuq id-daħliet ta' Marsaxlokk, San Tumas u Wied il-Għajn, daħliet ta' kenn popolari mal-baħħara tal-Mediterran sa minn żmien il-Feniċi. Dawn servew ukoll bħala xtajtiet biex jiżbarkaw il-pirati.
Il-bidu taż-Żejtun imur lura għal żmien il-Feniċi u r-Rumani. Oriġinalment iż-Żejtun, li kien magħruf bħala Terra Santa Caterina, kien iħaddan fih biċċa kbira min-naħiet tax-Xlokk tal-gżira Maltija sal-konfini tas-swar tal-Kottonera, li kienu jinkludu lil Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq u l-Bajja ta' San Ġorġ. L-abitanti taż-Żejtun sal-1680 kienu jgħixu f'żewġ komunitajiet separati minn xulxin mimlija bi djar imferxin f'toroq dojoq (li waħidhom kienu joffru kenn mill-għadu), dawn kienu magħrufin bħala Bisqallin u Ħal Tmikki, fejn illum insibu r-Raħal ta' Isfel, u Ħal Ġwann u Ħal Bisbut, fejn illum insibu r-Raħal ta' Fuq. Permezz tal-iżvilupp matul is-seklu tmintax u l-bini tal-Knisja Parrokkjali l-ġdida bejn dawn il-komunitajiet ħolqu ċ-ċentru li nafu llum u dawn iż-żewġ komunitajiet bdew jiffurmaw komunità waħda.
Fl-imgħoddi, ir-residenti offrew reżistenza kontra l-għadu li kien jiżbarka fid-daħliet tan-nofsinhar tal-gżira. Minħabba dan u l-fatt li dawn kienu l-aktar imbiegħda minn Medina, il-belt kapitali l-qadima, dawn ħolqu spirtu kulturali għalihom, li ħafna drabi kien iwassal għal għana spirtu pront, li għadek issibha sal-lum il-ġurnata. Il-komunitajiet separati tar-Raħal ta' Isfel u r-Raħal ta' Fuq, bil-kultura differenti tagħhom għadhom jeżistu sal-lum. Fl-1690 ma setgħux jaqblu fuq il-lok fejn għandhom jibnu l-Knisja Parrokkjali l-ġdida. Fi qbil tipiku Żejtuni qablu li l-bini maestuż tal-knisja l-ġdida kellu jkun eżatt bejn iż-żewġ kwartieri qodma, fejn dawn ġew maqgħuda u wassal biex iż-Żejtun ikollu ċentru ġdid li għadu ċ-ċentru tal-komunità sal-lum.
L-isem taż-Żejtun ġej minn kelma ta' nisel Feniċu u Għarbi Semitiku li tfisser il-frotta tas-siġra taż-żebbuġ. Fl-Għarbi 'zaytun', fit-Tork 'zejtin' u fl-Ispanjol u l-Portugiż fejn il-kultura Għarbija kienet tiffjorixi nsibu 'aceituna' u 'azeituna' rispettivament. Bla dubju ta' xejn il-kelma 'zaytun' għadha tinsab fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani. Illum fil-Malti għadha teżisti biss fl-isem tal-lok, iżda llum l-kelma 'żebbuġ' qed tintuża kemm għas-siġra taż-żebbuġ u l-frotta tagħha. Fil-fatt il-motto taż-Żejtun hu 'Frott iż-Żebbuġ Ismi', li juri li l-isem ġej mill-frotta taż-żebbuġa.
Bħal f'ħafna mill-pajjiżi tal-Mediterran, il-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa kienu importanti f'Malta, speċjalment matul il-perjodu Ruman. Matul is-snin din l-industrija kompliet tonqos peress li madwar 200 sena ilu kienet saret popolari l-industrija tal-kultivazzjoni tal-qoton. F'dawn l-aħħar snin l-interess tal-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ reġa' beda jikber.
Il-fdalijiet arkeoloġiċi tal-industrija taż-żebbuġ juru li l-inħawi taż-Żejtun ilhom abitati mnn żminijiet Puniċi u Rumani.
Matul l-aħħar snin tas-Seklu 18, diversi rħula f'Malta xtaqu li r-raħal tagħhom jogħla għat-titlu ta' ċittà. Hekk kif kienu entużjasti mill-preżenza tal-Gran Mastru Ferdinandu von Hompesch fiż-Żejtun għall-festa ta' Santa Katarina ta' Lixandra, f'Novembru tal-1797, iż-Żwieten talbuh biex liż-Żejtun jgħollih b'dan it-titlu. L-Eminenza Tiegħu, wara li ż-Żwieten ikkonvenċuh bl-argumenti tagħhom, laqa' t-talba li għamlulu. Hu onora liż-Żejtun bit-titlu ta' Città Bylandt (bil-Malti 'Beland'), wara kunjom ommu.
L-istema
Tarka b'salib aħdar fuq sfond lewn il-fidda u mżejna b'kuruna b'erba' torrijiet (li 3 minnhom biss jidhru). Il-kuruna turi t-titlu ta' belt u s-salib huwa simbolu tal-patrimonju Nisrani. Is-salib għandu l-lewn ħadrani minħabba li hu assoċjat mas-siġra taż-żebbuġ.
L-ilwien assoċjati maż-Żejtun huma l-aħdar lewn iż-żebbuġ u l-aħmar il-lewn ta' Santa Katarina ta' Lixandra, li hi l-patruna taż-Żejtun. Fil-fatt iż-Żejtun fuq xi mapep antiki jinsab imsejjaħ bħala 'Terra Santa Caterina'. Fiż-Żejtun fit-tielet Ħadd ta' Ġunju tiġi ċċelebrata l-festa ad unur il-Qaddisa Patruna, li ċ-ċelebrazzjonijiet jibdew minn ġimgħa qabel.
Avvenimenti importanti
L-istorja taż-Żejtun tmur lura madwar 800 sena. Hekk kif għadna qabel, iż-Żejtun kien l-ewwel port li jsibu l-kursara li jiġu biex jinvadu lil Malta mill-Afrika ta' Fuq u b'hekk kien ikun hemm diversi attakki matul ix-xhur tas-sajf. Fl-Aħħar Ħbit tat-Torok, li seħħ fl-1614, fejn diversi pirati baqgħu deħlin l-art ntemm peress li l-abitanti Żwieten ħarġu rebbieħa.
Meta Malta kienet qed tgawdi l-paċi, il-Kavallieri ta' San Ġwann mhux biss bnew il-fortifikazzjonijiet tal-Belt Valletta, iżda wkoll it-Torrijiet Kostali ta' San Tumas u San Luċjan biex jgħassu x-xtut tan-naħa ta' isfel, li dawn bdew joffru aktar kenn għaż-Żejtun. Dawn ma tantx servew għall-qilla tal-forza ta' Napuljun, fil-fatt iż-Żejtun kien l-ewwel belt li waqa' taħt idejn dan l-għadu. L-abitanti kien attivi matul is-sentejn rewwixta kotra l-qawwa Franċiża.
Matul il-ħakma tal-Ingliżi l-maġġoranza taż-Żwieten bdew jaħdmu mas-servizzi Ingliżi. Numru ta' Żwieten kienu minn ta' quddiem ukoll biex jingħaqdu mal-moviment biex Malta tikseb l-indipendenza minn mal-Gran Brittanja.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija Malta kienet fiċ-ċentru tas-saga li kien hawn fil-Mediterran. Infatti Malta qalgħat numru kbir ta' bombi. Matul dawn iż-żminijiet, l-abitanti Żwieten kienu involuti ħafna fl-attakki kontra l-forzi Nazzisti u Faxxisti. F'dan il-perjodu traġedja laqtgħet liż-Żejtun fit-2 ta' Mejju tal-1942 meta bomba anti-personnel Ġermaniża waqgħat fuq iz-zuntier, fil-pjazza taż-Żejtun, u qatlet 27 persuna.
Fi tmiem il-gwerra kien hawn numru kbir ta' qgħad. Bejn l-1950 u l-1970 waslet biex diversi Żwieten emigraw u l-populazzjoni naqset drastikament. Matul l-aħħar tlettin sena sar numru kbir ta' progress u fejn illum iż-Żejtun hu raħal imdaqqas mimli ħajja u b'perspettivi pożittivi għall-ġejjieni.
Bħalissa jinsab amministrat minn Kunsill Lokali elett mill-poplu li jieħu ħsieb l-affarijiet lokali. Is-Sindku hu s-Sur Joseph Attard.