top of page

L-Inawgurazzjoni taċ-Ċentru tal-Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum

It-Tnejn, 5 ta’ Mejju 2014, kien jum ferm sabiħ għaż-Żwieten. Dakinhar, is-S.a Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru u ċ-Chairperson ta’ The Marigold Foundation, flimkien mas-Sindku, Joe Attard, u l-Kunsilliera Żwieten, inawgurat iċ-ċentru ġdid għall-ħarsien tat-tfal matul il-jum — Il-Manuċċa Child Day Care Centre. Joan Agius, il-Kunsilliera inkarigata mill-Komunità u l-Familja, fissret kif dan il-proġett kien ilu jinħema għal għaxar snin sħaħ u issa in-nisa li jixtiequ joħorġu jaħdmu se jkollhom moħħhom mistrieħ fejn jistgħu jħallu lil uliedhom waqt li huma jkunu għax-xogħol. Fid-diskors tiegħu, is-Sindku Joe Attard qal li mil-bidunett, il-Kunsill Lokali taż-Żejtun kellu għal qalbu l-ħidma fil-qasam soċjali u ra kif għamel biex jaqdi dmirijiet f’dan il-qasam. Il-ftuħ ta’ ċentru għall-ħarsien tat-tfal matul il-jum kien proġett ta’ sfida li l-Kunsill irnexxielu jwettaq. Semma wkoll kif l-għamara għal dan iċ-ċentru nxtrat b’donazzjoni ta’ €25,000 mill-fond li kien waqqaf l-emigrant Żejtuni Joe Abela. Huwa fakkar il-memorja ta’ dan iż-Żejtuni li, għalkemm ’il bogħod minn art twelidu baqa’ jgħożż it-tradizzjonijiet Żwieten, dak kollu li kien jorbtu maż-Żejtun, inkluż il-qima lejn il-patruna, Santa Katarina, V.M.. Irringrazzja wkoll lil St. Catherine’s Social Club ta’ Hadfield, l-Awstralja, u l-familja Abela, għall-koperazzjoni u l-għajnuna tagħhom. Qabel inawgurat iċ-Ċentru, is-S.a Michelle Muscat irrimarkat li din il-faċilità ġdida ta’ ħarsien tat-tfal matul il-jum fiż-Żejtun waslet propju meta il-Gvern beda jipprovdi dan is-servizz għat-tfal mit-twelid sa tliet snin bla ħlas. In-nisa kollha Żwieten issa se jkollhom l-opportunità ugwali li, jekk jixtiequ jaħdmu, jistgħu jagħmlu dan b’moħħhom mistrieħ li jistgħu jħallu lill-uliedhom trabi f’post sigur u edukattiv. Semmiet ukoll li b’hekk, il-familja se jkollha inqas piż u tista’ tippjana aħjar. Iċ-Ċentru ġie mbierek mill-Arċipriet tal-Parroċċa taż-Żejtun, Dun Nikol Pace. Fost bosta personalitajiet distinti, attenda wkoll Dr. Stefan Buontempo, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, li faħħar ix-xogħol tal-Kunsill Lokali b’risq ir-residenti taż-Żejtun.



Recent Posts

There are no items in this list

Please reload

bottom of page