20 Sena Ħidma mill-Kunsill Lokali Tagħna
Messaġġ mis-Sindku Joe Attard fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-wirja tal-20 sena ħidma mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun:
Iż-żmien itir u s-snin igerbu. F'April ta' din is-sena, iż-Żejtun se jkun qed ifakkar l-20 sena mit-twaqqif tal-Kunsill Lokali; fil-fatt, l-ewwel Kunsill kien ġie elett fid-19 ta' Marzu, 1994. Dakinhar żgur ħadd qatt ma basar x'kien qed ifisser it-twaqqif tal-Kunsill Lokali għaż-Żejtun u ż-Żwieten.
Għal dawn l-aħħar tmintax-il sena, kelli x-xorti mmexxi l-Kunsill Lokali tagħna bħala s-Sindku. Għalkemm qabel kont ħdimt f'oqsma oħrajn, anki fuq livell nazzjonali, l-iktar f'dak tal-kultura, l-akbar sodisfazzjon għalija kien il-ħidma li wettaqt fiż-Żejtun bħala s-Sindku.
Kienet tabilħaqq idea tajba tal-Kunsilliera Joan Agius u Sean Chircop li, fl-20 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsill tagħna, tittella' din il-wirja ta' ritratti li juru ħafna mix-xogħol li sar tul dawn l-għoxrin sena. Iż-żmien inessi u m'n Alla jkunu r-ritratti li jfakkruna x'għamilna.
Wieħed malajr jinnota li ħdimna f'bosta oqsma u mhux biss fl-infrastruttura. Ix-xogħol fit-toroq, fil-ġonna u fl-imsieraħ, it-tindif tal-ġonna, il-ġbir tal-iskart u d-dawl fit-toroq huma l-aktar li jidhru. Biss, il-ħidma li sarret fl-oqsma soċjali, tal-anzjani, il-persuni bi bżonnijiet speċjali, l-edukazzjoni, l-istorja, il-kultura, iż-żgħażagħ, u l-isport, tiswa mitqlu deheb. Nasal biex ngħid li dan jiżboq kull xogħol ieħor u għalhekk, minn qalbi, niżżi ħajr lill-Kunsilliera li taw ħinhom u ħilithom, kemm dawk preżenti kif ukoll dawk li m'għandhomx fil-Kunsill jew ħallewna. Ħajr ukoll lis-Segretarji Eżekuttivi, inkluż dak attwali, Anton Falzon, u l-ħaddiema kollha, kemm klerikali kif ukoll dawk manwali.
Iżda l-akbar kisba li rnexxieli nwettaq tul dawn is-snin, flimkien mal-Kunsilliera kollha, ma tistax tidher fir-ritratti. Qed nirreferi għall-mod kif, b'ħidma tanġibbli jew intanġibbli, isem iż-Żejtun u ż-Żwieten, wara li ġie mżeblaħ bla ħtija, erfajnieh u tajnieh l-istima li tixraqlu. Mhux se nkun jien li ngħaddi ġudizzju fuq il-ħidma tal-Kunsill u dak se nħallih għalikom u għal ħaddieħor. Imma lkoll nafu li llum, iż-Żejtun igwadi stima mal-Maltin u l-Għawdxin, li kemm-il darba smajnihom ifaħħru l-imġiba u x-xogħol tagħna.
Fl-aħħar, niżżi ħajr lil dawk li ħadmu mill-qalb magħna fis-sottokumitati u l-kummissjonijiet, lill-Għaqdiet Żwieten u ż-Żwieten kollha li kkoperaw magħna matul dawn l-għoxrin sena biex ksibna l-frott li qed ingawdu llum.
Joe Attard,
Is-Sindku
id-19 ta' Marzu, 2014